Thursday, February 21, 2008

MA NILAGĦBUX MAN-NAR


Din il-ġimgħa kellna xi aħbarijiet ferm pożittivi. Kollha jixhdu ix-xogħol tajjeb li qed isir u li pajjiżna sejjer tajjeb. Kellna l-aħbar li Malta ġiet ikklassifikata fil-ħdax-il post minn fost 195 pajjiz fi stħarrig dwar il-kwalita’ tal-ħajja. L-Unjoni Ewropeja tellgħet l-istima tagħha dwar it-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna għas-sena l-oħra għal 4.5%.

Kellna wkoll kumpanija Indjana tal-farmaċewtika li ħabbret investiment ta’ 10 miljun ewro b’ħolqien ta’ 120 impjieg. Kellna ir-riżultat ta’ riċerka li saret mill-Union Ħaddiema Magħqudin dwar l-andament tal-prezzijiet meta daħlet l-ewro Malta fil-bidu ta’ Jannar ta’ din is-sena’. Kuntrarju għal dak kollu li qalu xi wħud, il-prezzijiet baqgħu stabbli.

Dawn il-biċċiet ta’ aħbarijiet jimlewna b’kuraġġ għax jgħinuna nikkonvinċu ruħna li aħna poplu kapaċi jagħti riżultati tajbin. Nikkonvinċu ruħna li aħna nikkomparaw tajjeb ma’ pajjiżi oħra li forsi huma ikkunsidrati aktar żviluppati minn tagħna. Iżda dan xorta ifisser li għad fadlilna aktar x’naqdfu.

Dawn ir-riżultati ġew għax kellna politika ekonomika u soċjali stabbli li kienet imżewwġa mal-mira li nintegraw pajjiżna ma’ l-Unjoni Ewropeja. Illum, tlett snin wara li sirna membri ta’ l-Unjoni Ewropeja qegħdin naraw ir-riżultati. Huwa għalhekk importanti li nibqgħu għaddejjin b’din il-politika u ntejjbuha kif ikun hemm bżonn.

Iżda żgur ma nistgħux naffordjaw noqogħdu nesperimentaw bl-idejat. Idejat ġodda għandna bżonnhom għax il-bżonnijiet ta’ pajjiżna ta’ għada mhumiex l-istess bħal dawk tal-bieraħ. Imma iridu jkunu idejat ibbażati fuq ir-rejalta’ ta’ llum. Meta ma nagħmlux hekk, inkunu qed nilagħbu man-nar u ż-żgħażagħ tagħna m’għandhomx bżonn min jilgħab man-nar għax ikun qed jirriskja il-futur tagħhom.

No comments: